Thursday, October 1, 2009

AZZJONI KATTOLIKA F'MARSALFORN SAJF 2009


L-AZZJONI KATTOLIKA F’MARSALFORN.......2009



Aħna, l-membri tal-Azzjoni Kattolika tar-Rabat (Fergħa Nisa), konna bdejna l-laqgħat tagħna fis-sajf f’Marsalforn diversi snin ilu. Għall-ewwel konna niltaqgħu fil-garage tal-knisja u kellna lill-mibki Dun Ġwann Dimech, bħala Assistent Ekkleżjali. Wara xi snin bdejna niltaqgħu fil-Kappella ta’ Sant’Antnin bl-approvazzjoni ta’ Dun Anton Schembri. Din is-sena erġajna bdejna niltaqgħu fil-crying room tal-knisja, bl-approvazzjoni sħiħa tal-Kappillan Dun Mikiel Borg, li nzerta wkoll, l-Assistent Ekkleżjali tal-Fergħa tal-koppji tax-Xewkija.



Dun Mikiel għamel appell/stedina kemm minn fuq l-altar u anke fuq il-bullettin, biex barra l-membri tal-Azzjoni Kattolika, jattendu oħrajn kemm Maltin u anke Għawdxin li jkunu qegħdin villeġġjatura Marsalforn.



Il-laqgħat kienu jsiru kif soltu jsiru matul is-sena, u Dun Mikiel, minkejja x-xogħol li kellu, attenda għal kull laqgħa, biex ifissrilna l-Vanġelu u jaqsam magħna xi ħsibijiet fuq materji oħra li konna nippreparaw. L-attendenza ma kienetx ħażin u kollha qbilna li bil-għajnuna t’Alla nkomplu nagħmlu dawn il-laqgħat kull sajf. L-aħħar laqgħa għal din is-sena kienet it-Tlieta, 22 ta’ Settembru, billi ħafna mill-membri reġgħu lura lejn id-dar, ir-Rabat.



Hekk bqajna attivi anke fis-sajf, ħaġa li għalina l-membri għenitna ħafna. Nirringrazzjaw lil Alla li tana l-għajnuna u l-ħeġġa li waqt li ħadna l-mistrieħ tagħna matul is-sajf, ħdimna wkoll u ma qagħdniex nitgħażżnu. Forsi għad jasal iż-żmien li jkollna fergħa tal-Azzjoni Kattolika għar-residenti ta’ Marsalforn. Jalla sseħħ din ix-xewqa tagħna, tal-Kappillan u anke ta’ Dun Karm Hili, Assistent Ekkleżjali Djoċesan.



Grazzi wkoll lill-KappillanDun Mikiel Borg, Rettur tal-Knisja San Pawl, Marsalforn.



Jekk il-Bambin irid niltaqgħu s-sajf li ġej!





Annetta Camilleri

Pres. Fergħa Nisa Azzjoni Kattolika