RIFLESSJONI FUQ L-EVANGELJU TA' LLUM :-
Ħaġa li nħabbtu wiċċna magħha kuljum hija din:
·
Kif għandi nġib ruħi mal-oħrajn?
·
Kif għandi nitratta ma’ min jittrattani ħażin?
·
Min jagħmilli azzjoni ħażina, ħa nħallih b’xejn?
Fid-diskors tal-Muntanja, li bdejnieh il-Ħadd l-ieħor u qed inkompluh
illum, Ġesù jwieġeb għal dawn il-Mistoqsijiet. Naraw tliet punti:
1. Vendetta jew maħfra?
2. Mibgħeda jew imħabba?
3. Imma għax għandi nħobb
lil min jobgħodni
Ġesù jibda jgħid kif jirraġunaw in-nies tad-dinja: “Smajtu x’intqal: Għajn
għal għajn u sinna għal sinna.”
Hekk jirraġunaw in-nies tad-dinja (u magħhom xi kultant aħna wkoll). Min
jaf kemm ġie li għidna:
·
Min jagħmillek, għamillu..
·
Min jagħtik bil-ponn, pattihielu.
L-istint tal-vendeta hemm qiegħed; imma
l-vendetta hija sikkina b’żewġt ixfar: tferi lil min jirċiviha, imma tferi
wkoll lil min jagħmilha. Kieku d-dinja kellha tisma’ minn dan il-parir “għajn
għal għajn u sinna għal-sinna”, kieku kulħadd jispiċċa bla għajnejn u bla
snien.
Id-dinja hekk tirraġuna: Vendetta. U
Ġesù kif jirraġuna?
L-ewwel ħaġa li qal Ġesù hija din: IMMA JIEN NGĦIDILKOM. U jaqleb ta’ taħt
fuq ir-raġunamenti tagħna. Hu jgħidilna : Le għall-vendetta. Le għall-vjolenza.
Il-ħażen ma tegħlbux b’ħażen ieħor. Id-deni
ma jintrebaħx bid-deni. Il-mibgħeda ma tintrebaħx b’mibgħeda oħra. Irridu
nkissru ċ-ċirku tal-ħażen. Irridu nitfu l-ħuġġieġa tal-mibegħda. (Nota 1)
San Pawl iwissi: “Tħallix li l-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb.”
(Rum 12-21)