Sunday, July 27, 2014

BULLETTIN KNISJA SAN PAWL MARSALFORN 27 ta' LULJU 2014


FEJN HU T-TEŻOR TA’ QALBNA?

“Fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll.” (Mt 6,21)

Nagħmlu ftit mistoqsijiet:
Liema hu t-teżor ta’ ħajtek?
X’tixtieq tikseb l-aktar fil-ħajja?
X’inhu dak li l-aktar jagħtik sodisfazzjon fil-ħajja?
X’inhi dik il-ħaġa li l-aktar tagħtiha importanza f’ħajtek: il-flus, il-poter, is-suċċess fil-ħajja, in-negozju?

Biex nagħmlu għażla tajba

Illum qed issir aktar diffiċli biex tagħżel bejn dak li hu verament meħtieġ f’ħajtek u dawk l-affarijiet li tgħaddi mingħajrhom.

Il-qawwa tal-midja u tar-reklami jimlewlek rasek u jippreżentawlek bosta “teżori”. Għalhekk, importanti li bħal Salamun nagħmlu talba lil Alla biex jagħtina “moħħ għaref u għaqli”:
ħalli nikkalkulaw sew
ħalli nagħrfu t-tajjeb mill-ħażin
ħalli nagħżlu bejn it-teżori ġenwini u t-teżori foloz.