Monday, June 15, 2009

FESTA OHRA FIL-KOMUNITA' TA' MARSALFORN wara hafna snin



FESTA TAL-KORPUS

Il-Ħadd 14 ta’ Ġunju, fil-knisja tal-Konverżjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl f’Marsalforn, ġiet iċċelebrata s-Solennita` tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.......il-Corpus Domini.

Fis-6.00 pm. bdiet iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, immexxija mill-Kapp. Dun Mikiel Borg Rettur tal-Knisja, assistit minn Fr.Joe Cini u Fr.George Brincat u animata mill-kor tal-Knisja ta’ Marsalforn Chorus Unda Maris.

Il-qofol tal konċelebrazzjoni kien meta erbat-itfal mill-komunita` ta’ Marsalforn irċivew lil Ġesu` Ewkaristija għall-ewwel darba fis-sider tagħhom. Dawn huma Antonella Azzopardi, Chantelle Żahra, Alex Calleja u Joe Grech, li kienu ppreparati matul is-sena mill-katekisti Lelina Attard u Maria Saliba.

Wara li spiċċat il-quddiesa, bdiet ħierġa l-purċissjoni bis-S.S. Sagrament li mxiet mat-toroq prinċipali tal-bajja ta’ Marsalforn akkumpanjata b’numru sabiħ ta’ fratelli, tfal żgħar bil-ward f’idejhom, bit-tfal li rċivew l-Ewwel Tqarbina, bil-membri kollha tal-kor, Chorus Unda Maris u numru ikbar tan-nies residenti u villeġġjanti ta’ Marsalforn.

Matul il-purċissjoni nżamm talb għall-okkażjoni li sar minn Fr. Joe Cini.
Iz-zuntier kien imżejjen b’tlitt-ib bnadar, u t-taraġ kollu miksi bil-friegħi żgħar u weraq tas-siġar.

Il-Qniepen ma waqfux isemmgħu leħinhom ma’ Marsalforn kollu matul il-purċissjoni.
Mal-wasla lura fil-knisja ngħatat il-Barka Sagramentali.
Ħajr speċjali jmur għal dawk kollha li taw sehemhom biex din il-festa rnexxiet wara tant snin li kien ilha ma ssir.

Ms. Lucia Said