Thursday, July 9, 2009
Għażiż Dun Mikiel,
Nixtieq naqsam miegħek u man nies ta Marsalforn dwar il-ġurnata ġita ġewwa Għawdex. Aħna grupp mill- Mellieħa li niltaqgħu darba kull tlett xhur għal ġurnata rtir li int kont id- direttur spiritwali tagħna, għand is-sorijiet Ulied il- Qalb ta' Ġesu li l-fundattriċi tagħom hi Madre Maria Tereża Nuzzo. Meta int ilħaqt kappillan ta Marsalforn kellek tħalli din il kariga ta direttur spiritwali, għalkemm aħna fraħna miegħek, ħallejtilna dieqa ġo qalbna. Allura, lkoll riedna nerġgħu narawk u ddeċidejna li niġu ġurnata Għawdex. Jien ċempiltlek u int aċċettajt mal-ewwel, tkellimna u ddeċidejna li niġu l-Ħamis 2 ta' Lulju.
Ġejna 21 adulti u 3 itfal. Qbadna l-vapur tad-disgħa u sibna t-transport jistennina. Irrid nirringrazzjah tal-paċenzja li ħa bina. Minn hemm morna mal-ewwel nirringrazzjaw il-Madonna ta' Pinu billi tlabna flimkien it-talba tar-rużarju. Minn hemm morna r-Rabat u hemmhekk kullħadd kien liberu li jmur fejn irid.
Irrid ngħid ukoll li magħna kellna waħda, Maria Grima, li għandha 58 sena u li din qatt ma riekbet il-vapur u lanqas qatt ma marret Għawdex. U meta ngħidlek il-ferħ li ħasset kien tassew biżżejjed biex tferraħ lilna wkoll.
Fl-11:45 tlaqna lejn Marsalforn fejn int kont qed tistennina biex tqaddisilna quddiesa, animata bid-daqq. Il-vera lqajtna b'ferħ kbir fil-knisja ddedikata lill-Konverżjoni ta San Pawl. Vera knisja sabiħa. Wara kulħadd mar jiekol fejn jogħġbu f'wieħed mir restaurants li hemm sbieħ ġewwa Marsalforn. Kien hemm min mexa sal-Qbajjar u lura.
Fis- 2:30pm bdejna niltaqgħu u sibna lil Ġużeppi Spiteri, il-helper tieghek jilqaghna, u rajnieh, il-ħin kollu jiġri warajna biex jara jonqosniex xi ħaġa... Grazzi hafna Peppi.
Imbaghad sibna lilek, u fil-crying room, lestejtilna kikra te’ jew kaffe’, ilma frisk... msomma ħsibtilna għal kollox waqt li qadna nitkellmu.
Fit- 3:30 tajna bidu għal siegħa adorazzjoni, fejn kienet animata mill-kant immexxi minni Patricia bil-gitarra u binti Maria ta 11-il sena bil-vjolin. Kienet siegħa fejn konna onorati bil-preżenza ta Ġesu' Ewkaristija, fejn kulħadd daħal fih innifsu u faħħarna minn qalbna lill-Mulej Ġesu', għax nemmen li Hu l-bidu u t-tmiem ta’ kull ma nagħmlu.
Kollox jasal fi tmiemu u wasal il-ħin biex nerġgħu lura Malta. Kulħadd qalli, “Erġa' ġibna!!”. L-ospitalita’ tiegħek kienet tassew mill-qalb u din kulħadd ħassha w apprezzaha.
Grazzi Dun Mikiel, ppermettili ngħidlek Ziju, ta’ dan kollu li int għamilt magħna mingħajr ebda nteressi.
Irrid ngħid ukoll grazzi lil Sr. Catherine Seychell talli ħallitna niġu f'isem l-għaqda, Ulied il-Qalb ta' Ġesu'.
Grazzi kbira lil Sr. Adelina li tieħu ħsieb dan il-grupp u li taħdem minn qalbha.
Grazzi lil Sr. Ġeneroża li akkumpanjatna u fl-aħħar ngħid grazzi kbira lill-grupp kollu għax vera mxejna id f'id u ħadna gost flimkien bħala familja waħda f'isem Ġesu'.
Grazzi mill- qalb Dun Mikiel.
Terġa' tarana żgur.
In-Nepputija tieghek,
Patricia Cini
Mellieha.