Thursday, July 2, 2009

IS-SUMMIT CHORAL SOCIETY TOURING CHOIR


"Sing! Kanta! Canta!"

"Sing! Kanta! Canta!", huwa l-isem li ingħata lit-tour li 43 zgħazugħa Akron, Ohio (USA) li ser iżuru lill-gżejjer ta’ Sqallija u Malta mis-26 ta’ Ġunju sas-6 ta’ Lulju. Is-Summit Choral Society Touring Choir huwa mmexxi mis-Sinjura Arlene Jacobs. Dan il-Kor żar iċ-Ċina, l-Ġermanja, l-Awstrija, r-Repubblika Ċeka u issa mistenni li jżur ukoll Malta.

Il-kelma ‘Kanta’ hija dik li tgħaqqad il-popli flimkien permezz tal-lingwa universali tal-mużika. Il-Kor għandu repertorju vast minn dak klassiku sa dak modern, b’xogħlijiet ta’ kompożituri ewropej u anke amerikani. Għal waqt dan il-vjaġġ, il-kor qed jinterpreta kompożizzjoni li nkitbet għall-okkażjoni minn Dorn Younger li ser ikun jakkumpanja lil dan il-kor. Barra minn hekk, il-kor ser jinterpreta ukoll kompożizzjoni mill-Malti Paul Portelli wara kollaborazzjoni sħiħa ma Schola Cantorum Jubilate t’Għawdex.

Il-Kor ser jasal Malta fl-1 ta’ Lulju u huwa mistieden biex janima quddiesa fil-Bażilika ta’ Santa Liena, Birkirkara fis-6.30pm. Waqt il-quddiesa ser issir ġabra ta’ fondi għall-Richmond Foundation. L-għada wara nofsinhar, il-kor Amerikan ser jżur il-Johann Strauss School of Music f’Valletta fejn ser jiltaqa ma’ xi studenti u għalliema. Waqt din l-okkażjoni ser ikun mistieden ukoll Mr. Elijah Waterman li ġie maħtur bħala Uffiċjal tal-Affarijiet Barranin fl-Ambaxxata Amerikana f’Malta.

Il-Gimgħa 3 ta’ Lulju, il-kor mistenni jżur l-gżira Għawdxija fejn fis-7.30pm ser jagħti kunċert ġewwa s-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu. Hawnhekk il-kor ser jiltaqa mal-membri ta’ Schola Cantorum Jubilate li kienu strumentali biex jiġi programmat dan il-vjaġġ. Il-Kor ser jingħata Master Class mid-Direttrici ta’ Schola Cantorum Jubilate, Marouska Attard. Waqt il-kunċert, Marouska Attard ser tinterpreta ukoll xi solos u ser tmexxi l-kor waqt il-kant ta’ ‘Jesu Dulcis Memoria’ ta’ Paul Portelli. Waqt il-kunċert issir ġabra għar-restawr tal-Knisja.

L-aħħar impenn li għandu l-kor ġo pajjiżna hi quddiesa ġewwa l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, Valletta fis-6pm, nhar il-Ġimgha 4 ta’ Lulju li hija ġurnata nazzjonali għall-amerikani.

Għall-aktar informazzjoni, tistgħu żżuru l-websites: www.scjchoir.com jew http://incantato-concerts.blogspot.com/ mob. 79450950