IL-FAMILJA TA' NAZZARET
L-EWWEL
PUNT: ĠESÙ KELLU BŻONN TA’ FAMILJA...
... li trabbih, tħarsu tindukrah, tmantnih.
Ġesù kellu bżonn ta’ familja aktar u aktar meta għex fl-eżilju, rifuġjat,
f’art barranija. L-Iben ta’ Alla ried jgħaddi wkoll mill-esperjenza ta’
rifuġjat, imkeċċi minn pajjiżu. Din l-esperjenza ġġegħelna nirriflettu fuq
is-sitwazzjon tar-rifuġjati fid-dinja kollha. Skont l-arċisqof Silvano Tomasi,
l-Osservatur Permanenti tal-Vatikan fil-United
Nations, 5 snin ilu kien hawn 40 miljun refuġjat madwar id-dinja. (cfr.
Osservatore Romano, 9 ta’ Lulju 2008).
Inġibu quddiem għajnejna minn xiex għaddiet il-familja ta’ Nazaret
fl-eżilju: biża’, vjaġġ twil, inċertezza, nuqqas ta’ sigurtà f’pajjiż barrani,
il-qligħ inċert tal-ħobża ta’ kuljum f’art barranija, differenti fil-kultura u
fir-reliġjon (Marija u Ġużeppi kienu Lhud jgħixu fost kultura Eġizzjana)...
Il-Papa Benedittu XVI, fil-Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Migranti u
r-Refuġjati ta’ Jannar li għadda (13 ta’ Jannar 2013), isemmi t-tbatijiet
tar-refuġjati fid-dinja tal-lum:
1. l-esperjenza
tal-migrazzjoni tibda bil-biża’, speċjalment meta tkun ikkaġunata minn
persekuzzjoni u vjolenza;
2. trawma li tħalli warajk
lill-familja u art twelidek;
3. it-tbatija u qtigħ ta’
qalb quddiem ġejjieni inċert;
4. It-traffikar u
l-isfruttament tal-bnedmin, partikolarment nisa u tfal.
IT-TIENI
PUNT: IL-FAMILJA GĦANDHA BŻONN LIL KRISTU
Il-familja ta’ Nazaret kellha xorti kbira li fiċ-ċentru tagħha kien hemm
Kristu. Ġesù kien it-teżor, iċ-ċentru tal-familja ta’ Nazaret. Mingħajr Ġesù,
il-familja ta’ Nazaret kienet titkisser daqskemm għaddiet minn gwaj, biża’,
slaleb u dubji. Iżda Ġużeppi u Marija għexu għal Kristu, batew għal Kristu,
obdew lil Kristu.(dkm)
