Saturday, December 14, 2013

BULLETTIN KNISJA SAN PAWL MARSALFORN - 15 TA' DICEMBRU 2013

It-Tielet Hadd tal-Avvent :-
SPJEGAZZJONI TAL-VANGEL TA' LLUM
Din il-mistoqsija nagħmluha aħna wkoll illum: INT MIN INT, ĠESÙ TA’ NAZARET?

Ejjew niflu l-karta tal-identità ta’ dan Ġesù. Il-karta tal-identità ikun fiha dan it-tagħrif:
1.       Min int
2.       X’tagħmel
3.       X’tgħallem
4.       L-indirizz fejn toqgħod.
Ejjew inħarsu lejn il-karta tal-identità ta’ Kristu.


L-EWWEL PUNT: MIN INT, ĠESÙ TA’ NAZARET?

Kristu hu bniedem u Alla. Għalhekk hu jissejjaħ:
1.       Bin il-bniedem:
a.       “Kien meħtieġ li bin il-bniedem ibati ħafna.” (Mk 8,31)
2.       u Bin Alla:
a.       Ġesù ċanfar lill-Fariżej: “Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda. Mela lili kif tgħiduli ‘qed tidgħi?’ għax għidtilkom li jien bin Alla?” (Ġw 10,30.36)

ĠESÙ BNIEDEM PERFETT

Il-Kardinal Giacomo Biffi hekk jiddeskrivi lil Ġesù:
“Kien bniedem dħuli, iħobb in-nies sempliċi. Leħnu jsaħħrek; għajnejh jinfduk; moħħu ċar. Jinteressa ruħu fil-ħajja ta’ kuljum; iħobb id-dritt u s-sewwa. Jaf iħoss. Ħabib ta’ kulħadd; jagħder lill-midinbin; jinfaqa’ jibki quddiem id-dmugħ tal-oħrajn. Jaf jifraħ. ‘Bħalna f’kollox barra mid-dnub,’ kif jgħid San Pawl. 
ĠESÙ HU BIN ALLA

Mhux biżżejjed li nħarsu lejn il-figura umana tiegħu. Ġesù hu uniku, għax barra li hu bniedem, hu wkoll Alla. Għalhekk qal għalih innifsu:

“Jien il-qawmien u l-ħajja...
Jien il-ħobż ħaj li niżel mis-sema...
Jiena d-dielja...
Jiena rbaħt lid-dinja...
Jien sejjer inħejjilkom post...

Jien ir-ragħaj it-tajjeb.” ACM