Sunday, January 5, 2014

BULETTIN KNISJA SAN PAWL MARSALFORN - 5 TA' JANNAR 2014

IL-FESTA TAL-EPIFANIJA TPOGGI QUDDIEMNA KUNTRASTI MA KULLIMKIEN :

KUNTRAST BEJN TAL-QRIB U TAL-BOGĦOD

Erodi u n-nies tal-palazz kienu jgħixu fil-qrib (ta’ Betlem). Bieb u għatba. Safrattant huma rrifjutawh. Erodi “bir-reqqa” kollha beda jitkixxef biex ikun jaf fejn hu ħa jeqirdu.

Għall-kuntrarju, il-Maġi kienu jgħixu fil-bogħod. Ħallew kollox, imxew fuq li mxew, vjaġġ twil u ġew “ifittxuh”: “Fejn hu s-sultan tal-Lhud li twieled?”


KUNTRAST BEJN ID-DLAM U D-DAWL

Erodi qed jgħix fid-dlam tal-vizzji, tal-ħażen, tal-pjaċiri, tad-dnub. Xħin feġġ id-dawl, id-Dawl ma laqgħux. Ipprefera d-dlam mid-dawl. Anzi, ried jitfi dak li kien id-Dawl għax ried joqtol lix-Xemx tal-Ġustizzja, li hu Kristu.

Għall-kuntrarju l-Maġi jgħodd għalihom dak li tgħid il-Liturġija: “Poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir. Dawl kbir idda fuqhom.” Il-Maġi laqgħu d-dawl li hu Kristu.

Lezzjoni għalina.
Nisimgħu mill-kliem ta’ San Pawl lill-Efesin: “Intom darba kontu dlam, imma issa intom dawl fil-Mulej. Għixu ta’ wlied id-dawl li intom... Frott id-dawl jinsab f’kull ma hu tjieba, f’kull ma hu ġustizzja, f’kull ma hu verità.” (Ef 5,8)


Erodi kien iben id-dlam u baqa’ fid-dlam. Il-Maġi u aħna l-Insara bħalhom nissejħu “ulied id-dawl”, “ulied il-kewkba”.