Saturday, February 1, 2014

BULLETTIN TAL-KNISJA SAN PAWL
MARSALFORN 
Ir-Raba’ Ħadd tas-Sena: 2 ta’ Frar 2014

FESTA TAL-PREŻENTAZZJONI TAL-MULEJ

Kemm ilu li għadda l-Milied? 40 Jum. Skont drawwa tal-Lhud, meta l-ewwel tifel kien jagħlaq 40 jum mit-twelid kienu jippreżentawh fit-Tempju. Din kienet l-ewwel purċissjoni ta’ Ġużeppi, Marija u Ġesù minn Betlehem sat-tempju ta’ Ġerusalemm.

Hu għalhekk li fil-quddiesa solenni f’kull parroċċa ssir purċissjoni ċkejkna u titbierek ix-xemgħa mixgħula. Għaliex il-profeta Xmuni xħin ħa lil Ġesu f’idejh għaraf li Ġesù hu l-Messija u sejjaħlu “DAWL TAL-ĠNUS”.

Biex nifhmu aktar ejjew nirriflettu fuq agħmlu tliet ħsibijiet:
Xi jfisser li Kristu huwa d-DAWL TAL-ĠNUS?
Nilqgħu d-DAWL li HU ĠESÙ.
Inwasslu d-DAWL ta’ KRISTU lill-oħrajn.

L-EWWEL PUNT: Kristu huwa d-Dawl tal-Ġnus

Min hu anzjan u għex fil-gwerra jaf kemm hu ikrah il-“black-out”, id-dlam. Wara l-waqgħa ta’ Adam, id-dinja waqgħet fid-dlamijiet tal-injoranza, tal-ħażen, tal-jasar. Alla wiegħed li jibgħat il-Messija. U għaddew mijiet u mijiet ta’ snin, il-poplu Lhudi jistenna lill-Messija.

Għalhekk fil-festa tal-lum il-Profeta Xmuni, bniedem ta’ qdusija kbira li kien ilu jitlob u jistenna l-wasla tal-Messija, xħin ħa lit-tarbija Ġesù f’idejh, mimli bl-Ispirtu s-Santu, beda jbierek lil Alla u jgħid: issa kuntent, ħa nagħlaq għajnEjja u mmut basta rajt il-wasla tas-salvazzjoni permezz tal-Messija Ġesù.
U hawn sejjaħ lil Ġesù b’dan il-kliem eżatt: “DAWL BIEX IDAWWAL LILL-ĠNUS U GLORJA TAL-POPLU TIEGĦEK IŻRAEL.”