Saturday, July 19, 2014

BULLETTIN TAL-KNISJA SAN PAWL MARSALFORN - 20 TA' LULJU 2014


RIFLESSJONI DAWR IL-VANGELU


Mhuwiex għalxejn li wara l-parabbola tal-qamħ u s-sikrana għandna wkoll il-parabbola
1.      taż-żerriegħa tal-mustarda
2.      u tal-ħmira fl-għaġna.

Dawn iż-żewġ parabboli jikkonfermawlna li jekk irridu negħlbu l-ħażen, irridu niżirgħu t-tajjeb. 

Għalhekk żewġ deċiżjonijiet.

1.      Il-Parabbola tal-mustarda tagħmilli kuraġġ għax tgħallimni li s-Saltna ta’ Alla tikber
-          Bl-affarijiet żgħar
-          Bis-sagrigiċċji żgħar
-          Bl-isforzi żgħar ta’ kuljum .
Xejn ma hu moħli. Kollox jgħodd. Kull sagrifiċċju jgħodd. Kull sforz jgħodd. Kull qatra tgħodd.
Iż-żerriegħa tal-mustarda hi l-iżgħar żerriegħa. Imma xħin tikber issir l-ikbar siġra. Hekk ukoll, kull sforz u kull sagrifiċċju jgħodd.

1.      Inkunu ħmira tajba fis-soċjetà

Ftit ħmira kapaċi tbiddel u tittrasforma l-għaġna kollha. Hekk jien u int, kulħadd fl-ambjent u fil-qasam tiegħu, nistgħu nbiddlu d-dinja għall-aħjar.

Sew iż-żerriegħa tal-mustarda u sew il-ħmira jaħdmu fil-moħbi, mingħajr ħoss u mingħajr ma jidhru.

L-istess jien u int. Kull għemil tajjeb li nagħmel, kull sagrifiċċju li nagħmel, kull talba li ngħid, kollox jiswa biex il-ħażen jingħeleb uU s-Saltna ta’ Alla tikber.