Saturday, October 19, 2013

BULLETTIN TAL-KNISJA TA' SAN PAWL - MARSALFORN - 20 TA' OTTUBRU 2013 -GURNATA MISSJUNARJA

Il-Messaġġ tal-Papa Franġisku għall-Ġurnata Missjunarja
20 ta’ Ottubru 2013

Il-ħeġġa missjunarja hi aspett essenzjali tal-ħajja nisranija

Ix-xandir tal-Vanġelu hu parti mill-ħajja tad-dixxipli ta’ Kristu u huwa impenn kostanti li janima l-ħajja kollha tal-Knisja. Il-ħajja missjunarja hi sinjal ċar tal-maturità ta’ komunità ekkleżjali. Kull komunità hi matura meta tistqarr il-fidi, tiċċelebraha bil-ferħ fil-liturġija, tgħix il-karità u xxandar bla heda l-kelma ta’ Alla. Is-solidità tal-fidi tagħna, f’livell personali u komunitarju, titkejjel ukoll mill-kapaċità li nikkomunikawha lil oħrajn.
Il-Konċilju Vatikan II enfasizza b’mod speċjali kif id-dmir missjunarju hu għal kull min hu mgħammed u l-komunitajiet insara kollha: “Ladarba l-poplu ta’ Alla jgħix fil-komunitajiet, l-aktar dawk djoċesani u parrokjali, u fihom jieħu b’xi mod forma li tidher, għalhekk imiss lil dawn il-komunitajiet li jkunu xhieda ta’ Kristu quddiem il-ġnus” (Digriet Ad Gentes, 37).