Kull komunità għandha tilqa’ l-ordni li Ġesù ta lill-Appostli li “tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art” (Atti 1,8); mhux bħala aspett sekondarju tal-ħajja nisranija, imma bħala aspett essenzjali. Nitlob lill-Isqfijiet, il-presbiteri, il-kunsilli presbiterali u pastorali, kull persuna u grupp responsabbli fil-knisja biex jagħtu importanza lill-aspett missjunarju fil-programmi pastorali u formattivi.
Spiss il-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni ssib ostakli mhux biss minn barra, imma minn ġewwa l-istess komunità ekkleżjali. Xi drabi huma debboli l-ħeġġa, il-ferħ, il-kuraġġ, it-tama biex ixxandar lil kulħadd il-messaġġ ta’ Kristu u tgħin lill-bnedmin ta’ żmienna biex jiltaqgħu miegħu. Għad hawn min jaħseb li meta jwassal il-verità tal-Vanġelu jkun qed jeħodha kontra l-libertà. Għandu jkollna dejjem il-kuraġġ u l-ferħ li nipproponu bir-rispett il-laqgħa ma’ Kristu u li nkunu messaġġiera tal-Vanġelu. Ġesù ġie fostna biex jurina t-triq tas-salvazzjoni u fdalna wkoll il-missjoni li nxandruha lil kulħadd sat-truf tal-art. (ikompli l-Messagg tal-Papa Frangisku)