“Kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab”
B’dan il-kliem Ġesù qed jistieden lilek biex quddiem il-midinbin, inti jkollok l-istess imħabba li għandu l-Missier lejn kull bniedem, imħabba li ma tkejjilx. Ġesù qed isejjaħlek biex ma tiġġudikax bil-kejl tiegħek l-imħabba li l-Missier għandu għal kull persuna. Bl-istedina lil ibnu l-kbir biex jaqsam miegħu l-ferħ għal dak ibnu li reġa’ nstab, il-Missier qed jitlob lilek ukoll biex tbiddel il-mod kif taħsibha: jiġifieri int trid tilqa’ bħala ħutek anki lil min m’għandek xejn lejh ħlief disprezz u superjorità. Dan għandu jġib fik konverżjoni vera, għax inti tissaffa mill-konvinzjoni li inti aktar bravu, ma tibqax tkun intolleranti lejn nies ta’ twemmin ieħor, u b’hekk tkun tista’ tilqa’ s-salvazzjoni, li ġabilna Ġesù, bħala rigal mogħti lilna biss għax Alla jħobbna.