Saturday, January 18, 2014

BULLETTIN TAL-KNISJA TA' SAN PAWL - MARSALFORN : 19 TA' JANNAR 2014

Riflessjoni fuq il-Vangelu - 
DAN IL-ĦARUF TA’ ALLA !
KIF SER INEĦĦI D-DNUBIET TAD-DINJA?

Waħda mill-isbaħ bċejjeċ ta’ mużika li kiteb il-kompożitur Mozart hi l-“Agnus Dei” (Il-Ħaruf ta’Alla), li Mozart kiteb għall-Quddiesa tal-Inkurunazzjoni.

Xi snin ilu, din il-quddiesa ġiet eżegwita fil-Bażilika ta’ San Pietru, u mexxa l-orkestra l-magħruf direttur ta’ fama mondjali Herbert Von Karajan.

Xħin id-direttur tal-orkestra wasal fil-“Ħaruf t’Alla”, id-dmugħ beda jġelben ma’ ħaddejh. Xħin staqsew lid-direttur xi ġralu, stqarr: “Mozart tant fehem min hu l-Ħaruf t’Alla (Kristu), li kkompona l-iktar mużika espressiva li tmiss u tqanqal il-qalb.” (Ara l-ktieb Il mio Gesù. Omeliji tal-Kardinal Christoph Schoborn.)

Xi jfisser “tneħħi”?
Mhux sempliċement twarrab jew tħassar. Ifisser li (il-Ħaruf) jieħu fuqu u jħallas għad-dnubiet tal-oħrajn.

U liema dnubiet?
Mhix ċajta. Dan il-Ħaruf divin tgħabba bit-tagħbija tad-dnubiet tal-bnedmin kollha ta’ kull żmien. Id-dnubiet
-          taċ-ċaħda ta’ Alla
-          tal-infedeltajiet kollha
-          tal-inġustizzji kollha
-          tad-delitti kollha
-          tad-diżonestajiet kollha.

Hija tagħbija li ħadd ma jiflaħha. Aħseb u ara ħaruf ġwejjed. Imma hekk ġara!
-          Kristu, li ma kellu ebda dnub, patta għad-dnubiet kollha.
-          Hu li ma jaħti xejn, laqqat fuqu l-kastig li kien ħaqqna aħna.
-          Kristu l-innoċenti rċieva meta mewta ta’ kriminal biex ipatti għall-ħatjin.

Kif ħabbar il-profeta Isaija: “Bħal ħaruf sejjer għall-qatla, u bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżża, ma fetaħx fommu.” (Is 53,7)

Konklużjoni
Kellu raġun San Pietru jgħidilna: “Kunu afu li intom ġejtu mifdija mhux bil-fidda jew bid-deheb imma bid-demm għażiż ta’ Kristu, li kien bħal ħaruf bla għajb u bla tebgħa.” (1 Piet 1,19)