It-Tieni Ħadd tar-Randan (Sena A)
Fil-mixja iebsa ġod-deżert, kemm hi ta’ konsolazzjoni li ssib oasi. Waqfa f’din ir-roqgħa fejn issib l-ilma, timliek bil-kuraġġ biex tkompli l-mixja tiegħek. Dan jgħodd għalina. Ninsabu fil-mixja tagħna lejn Ġerusalemm. Il-Knisja bil-Vanġelu tat-Trasfigurazzjoni, tgħinna nagħmlu waqfa fuq il-muntanja Tabor biex inkomplu fil-mixja tagħna lejn il-Muntanja tal-Kalvarju.
Naraw flimkien tliet punti:
1. Ix-xena tat-trasfigurazzjoni fuq it-Tabor.
2. It-trasfigurazzjoni: Esperjenza li timla bil-fidi lill-Appostli.
3. It-trasfigurazzjoni: messaġġ ta’ tama għalina.
L-EWWEL PUNT – IX-XENA TAT-TRASFIGURAZZJONI FUQ IT-TABOR
Fuq it-Tabor, l-Appostli assistew għal xena tal-għaġeb li ma tistax tifissirha bil-kliem. Iċ-ċentru ta’ din ix-xena huwa Kristu. Ġesù llum lill-Appostli jurihom mhux x’jaf jagħmel iżda Hu min hu.
L-Appostli assistew għal manifestazzjoni divina. X’jiġifieri? Ġesù, li kien ħeba d-divinità tiegħu taħt il-velu tal-umanità tiegħu, illum wera l-glorja tiegħu. Wera li hu tassew Alla. Illum il-muntanja Tabor tbiddlet f’rokna mill-Ġenna. X’raw? x’semgħu? X’ħassew?
Raw dawl jiddi: Kristu tbiddel quddiemhom, “Wiċċu sar jiddi bħax-xemx u lbiesu sar abjad bħad-dawl”.
Semgħu leħen: Leħen il-Missier etern jiddikjara u jikkonferma: “DAN HU IBNI L-MAĦBUB, ISIMGĦU LILU.”
Sħaba kollha dawl għattiethom: Baqgħu imsaħħrin b’din id-dehra divina. U esperjenzaw u daqu minn qabel il-ferħ u l-hena tal-Ġenna għal ftit ħin.
Għal dawk il-mumenti ggustaw il-ġmiel ta’ Kristu bħala Alla. Ġesù urihom għal ftit in-natura Divina tiegħu. Esperjenzaw il-preżenza u l-glorja t’ Alla.
It-trasfigurazzjoni kienet esperjenza tant qawwija li ma nsewha qatt l-Appostli. Tant baqa’ impressjonat Pietru, li snin wara reġa’ semmieha f’ waħda mill-ittri tiegħu: “Rajna b’għajnejna stess il-kobor tiegħu meta konna miegħu fuq l-għolja Mqaddsa” (2 Pietru 1.16) .
IT-TIENI PUNT IT-TRASFIGURAZZJONI: MESSAĠĠ TA’ FIDI GĦALL-APPOSTLI
L-Appostli kienu għaddejjin minn mumenti ta’ biża’, ta’ inċertezza, ta’ dubji. Niftakru x’ġara ftit jiem qabel din il-ġrajja. Ftit ġimgħat qabel il-Passjoni, Ġesù ħabbrilhom “li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna... joqtluh... u fi tielet jum iqum” (Mt. 16, 21-22)
Dan kien xokk għal widnejn l-Appostli. Tant li Pietru beda jlumu u qallu: “Allaħares, Mulej, dan ma jkun qatt”. U Kristu ċanfar lil Pietru. L-Appostli kienu maħkumin minn sfiduċja u qtugħ ta’ qalb.
Biex isaħħaħ il-Fidi tagħhom, Ġesù wriehom minn qabel li hu kien tassew l-Iben t’ Alla. Fiddalma
li kienu jinsabu fiha, Ġesù offrielhom mument ta’ dawl, mument ta’ ferħ. Tant li Pietru
xtaq itawwal dak il-mument ta’ ferħ u qallu, “ Mulej kemm hu sew li aħna hawn...”
Ġesù, biex isaħħilhom il-fidi, tahom okkażjoni li jduqu minn qabel l-Irxoxt. Hekk l-Appostli
jifhmu li
wara s-Salib ser ikunu hemm il-glorja
wara l-umiljazzjoni ser ikun hemm l-eżaltazzjoni
wara t-tbatija ser ikun it-tgawdija.
Papa Ġwanni Pawlu ll hekk kien qal: “Wegħda tat-Tabor isseħħ fil-Għid. Fit-Trasfigurazzjoni
Kristu urihom sinjal tal-glorja tiegħu. Aktar wara, fl-irxoxt tiegħu din il-glorja saret realtà”.
(Ġwanni Pawlu ll – 26 ta’ April 2000).
Għalhekk is-Santi Padri jgħidulna li t-Trasfigurazzjoni hija preludju għall-Irxoxt, jiġifieri sinjal
minn qabel u “introduzzjoni” għall-Irxoxt.
IT-TIELET PUNT: IT-TRASFIGURAZZJONI; MESSAĠĠ TA’ TAMA GĦALINA
Aħna wkoll ngħaddu minn mumenti diffiċli fil-ħajja. U bħall-Appostli naħbtu naqtgħu jiesna
u nibżgħu quddiem il-provi u l-għawġ tal-ħajja. It-Trasfigurazzjoni tagħtina ċertezza u
tassigurana li
wara t-taqbida hemm ir-rebħa
wara s-salib hemm il-glorja
wara l-prova hemm il-premju.
It-Trasfigurazzjoni tassigurana li t-tbatija hija għal ftit żmien imma l-glorja hija għal dejjem.
Jagħmlilna kuraġġ il-kliem li Ġesù qal lill-Appostli wara d-dehra: “Qumu la tibżgħux”.
Dan il-kliem għadu jirreptih lilna Ġesù llum.
La tibżgħux; Jien magħkom
La tibżgħux; Jien ninsab f’nofskom.
La tibzgħux.
Ejjew inżommu għajnejna msammrin fuq Ġesù, nimmiraw lejn is-sema pajjiżna, “U hemm
inqegħdu qlubna fejn tassew tinsab il-hena”.
Kif qalilna l-Papa Ġwanni Pawlu ll: “It-Trasfigurazzjoni hija sinjal ta’ tama għalina f’nofs ilprovi
u t-tiġrib tal-ħajja. It-Trasfigurazzjoni tagħtina niggustaw minn qabel it-tieni miġja
glorjuża ta’ Kristu li ‘għad irid ibiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż
tiegħu.’ (Fil 3,21) (Papa Gwanni Pawlu ll jikkwota il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika Nru 556.)
Konklużjoni
Liema huma ż-żewġ kelmiet li għandna nitgħallmu bl-amment illum biex inwettquhom matul il-ġimgħa?
Il-Leħen tal-Missier Etern instema’ jidwi fuq it-Tabor u jgħid: “Dan hu ibni l-maħbub; Isimgħu lilu”.
o Isimgħu lilu, għax hu t-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja.
o Isimgħu lilu, lil Kristu, għax kif kien qal il-Papa Pawlu VI f’ Manila, il-Filippini: “Hu l-għalliem espert tal-umanità. Hu l-gwida. Hu l-bidu u t-tmiem. Hu s-sultan tad-Dinja. Hu s-sigriet u l-muftieħ tal-istorja.”