Saturday, March 22, 2014

BULLETTIN - KNISJA SAN PAWL MARSALFORN - 23 TA' MARZU 2014




It-Tielet Ħadd tar-Randan (Sena A)
Il-laqgħa ta’ Kristu mas-Samaritana ħdejn il-ħerża tal-bir fl-eqqel siegħa tax-xemx ta’ nofsinhar hija waħda mill-isbaħ ġrajjiet fil-Vanġelu ta’ San Ġwann. Wara mixja twila u minħabba s-sħana, Ġesù jieħdu l-għatx. Iżda fil-fatt, il-mara Samaritana li ġiet ħdejn il-bir kellha għatx aktar profond. Biex jibda d-diskors, Ġesù jitlobha pjaċir, biex imbagħad hu jagħmlilha pjaċir: Ġesù jitlobha l-ilma, biex wara Hu joffrilha l-ilma tas-salvazzjoni.
Naraw tliet punti:
1. L-għatx tas-Samaritana.
2. L-ilma li jaqta’ l-għatx.
3. It-talba tagħna: Agħtina dan l-ilma, Sinjur.
L-EWWEL PUNT: L-GĦATX TAS-SAMARITANA
Il-mara li ġiet timla l-ilma mill-bir m’għandhiex isem. Tissejjaħ biss Samaritana. Għaliex? Għax hi tirrappreżenta kull bniedem. Kull bniedem iħoss l-għatx.
Hemm għatx materjali, u hemm għatx spiritwali. Barra l-għatx fi griżmejna, hemm għatx aktar profond:
- hemm l-għatx tal-qalb
- l-għatx għall-ferħ
- l-għatx għas-serħan il-moħħ
- l-għatx għall-kuntentizza
- l-għatx għall-paċi tal-qalb.
Is-Samaritana fittxet li taqta’ dan l-għatx tagħha
- fil-frugħat tad-dinja
- fil-ġiri wara l-allat foloz tad-dinja (flus, pjaċiri, għana, divertiment)
- fil-pjaċiri tal-ħames sensi.
Imma xejn ma mlielha qalbha, xejn ma ssodisfaha. Ħajjitha kienet falliment. Qalbha mhix f’postha.
L-istorja tas-Samaritana hija l-istorja ta’ kull wieħed u waħda minna, meta nfittxu l-ferħ fil-pjaċir. Santu Wistin għadda minn dak li għaddiet minnu s-Samaritana: daq l-għadajjar kollha tal-pjaċiri. Imma flok qatgħulu l-għatx, żidulhulu. Tant li kellu jammetti: “Xrobt mill-għadajjar tal-vizzji kollha. Flok qatgħuli l-għatx, żiduhuli.” U għalhekk ammetta: “Int ħlaqtna għalik, Mulej, u qalbna ma ssibx mistrieħ jekk ma tistrieħx fik.”
IT-TIENI PUNT: L-ILMA LI JAQTA’ L-GĦATX
Mhux l-ilma kollu hu l-istess. Hemm ilma mdardar; hemm ilma mielaħ; hemm ukoll ilma safi. Imma Ġesù jsemmi ilma ieħor: ilma ħaj.
Kif darba Ġesù kien qali li hemm żewġ kwalitajiet ta’ ħobż – il-ħobż tad-dqiq u l-ħobż ħaj li niżel mis-sema – hekk illum isemmi żewġ kwalitajiet ta’ ilma:
- hemm l-ilma tal-bir
- iżda hemm ukoll l-ilma ħaj (vers 11).
U Ġesù jgħidilna x’inhi d-differenza: “Kull min jixrob minn dan l-ilma (tal-bir) jerġa’ jaqbdu l-għatx. Imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bilgħatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn ta’ ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem.” (versi 13-14)
X’ifisser l-ILMA ĦAJ? Huwa l-ilma tal-grazzja. In-Nisrani jixrob minn dan l-ilma tal-grazzja mis-Sagramenti, speċjalment il-Magħmudija, il-Qrar, l-Ewkaristija.
IT-TIELET PUNT: AGĦTINA DAN L-ILMA, SINJUR!
Fl-ewwel qari mill-ktieb tal-Eżodu, il-poplu beda jgemgem u jgħid: “Agħtina ilma x’nixorbu.” U Mosè, bis-setgħa ta’ Alla, ħareġ l-ilma mill-blata. Fil-Vanġelu, meta Kristu semma l-ilma ħaj, is-Samaritana kienet pronta talbitu: “Agħtini dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix għatx.”
Kristu huwa l-Blata li tnixxi dan l-ilma ħaj, li jaqta’ l-veru għatx u jwassal sal-ħajja ta’ dejjem.
Kemm jispiċċa sabiħ il-Vanġelu meta lis-Samaritana jgħidilha li Hu dak li qed tfittex: “Jien hu dak li qed jitkellem miegħek.”
Minn dan il-Vanġelu għalhekk joħorġu dawn il-veritajiet:
1. Kristu biss kapaċi jaqtgħalna l-għatx. Hu biss is-salvazzjoni. Hu biss il-ferħ veru tagħna.
2. Kristu jinsab lest biex jimlielna qalbna bil-ferħ u bl-hena. Mhux diffiċli niltaqgħu ma’ Kristu f’ħajjitna. Għax hu stess jiġi jiltaqa’ magħna. Kif fittex lis-Samaritana biex isalvaha, hekk ifittex lilna llum.
3. Kristu hu s-Salvatur tagħna. Inkabbru l-fidi tagħna fih. Kif għamel Santu Wistin wara li kkonverta: “Tard ħabbejtek, o ġmiel hekk qadim u hekk ġdid. Tard wisq fittixtek... Imma issa doqtok, u ninsab imġewwaħ u għatxan għalik. Missejtni u jien xgħelt għas-sliem tiegħek.