Ir-4 Ħadd tar-Randan (Sena A)
IL-FEJQAN TAL-AGĦMA
Il-ġrajja tal-fejqan tal-agħma tinsab fil-kapitlu 9 ta’ San Ġwann. Fil-kapitlu 8 tal-istess Vanġelu, Ġesù qal: “Jiena d-dawl tad-dinja.”
Illum Ġesù mhux biss jgħid li hu “id-dawl”, imma wkoll “jagħti” id-dawl lil wieħed agħma mit-twelid.
Xi kemm-il miraklu għamel Ġesù fil-Vanġelu tal-lum?
Naħseb ħafna minnkom qed tgħidu: “Mhux miraklu wieħed!” Imma mhux miraklu wieħed għamel, imma tnejn:
miraklu fl-ewwel laqgħa mal-agħma fil-bidu tal-Vanġelu;
miraklu ieħor fit-tieni laqgħa miegħu fl-aħħar tal-Vanġelu.
Ejjew nirriflettu fuq dawn iż-żewġ mirakli:
1. L-ewwel miraklu: il-fejqan fiżiku tiegħu.
2. It-tieni miraklu: il-fejqan spiritwali ta’ dak li kien agħma.
L-EWWEL PUNT: IL-FEJQAN FIŻIKU TAL-AGĦMA
“Kif kien għaddej”, Ġesù ra agħma mit-twelid jittallab il-karità. X’għamlu l-Appostli? Waqfu, ħarsu lejh bil-kurżità u bdew jiġġudikaw u jiddiskutu: “Dan twieled agħma għax dineb hu stess jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?”
Imma x’għamel Kristu? Ġesù ħadha kontra l-idea li kien hemm dak iż-żmien (u forsi għadha hekk sal-lum!) li Alla jikkastiga. Dan mhux veru! Għalhekk Ġesù qalilhom: “La hu ma dineb u lanqas il-ġenituri tiegħu.”
Waqt li d-dixxipli ntilfu jiddiskutu, Ġesù:
- tħassru
- resaq lejh
- medd idu (għamel ftit bżieq u tajn: il-ġest tal-ħolqien tal-bniedem!)
- messu (b’ġentilezza dilek għajnejn l-agħma)
- u qallu: “Mur inħasel fl-għadira ta’ Silwam.”
Dik l-id mifruxa ta’ Ġesù!
Hija prova li Ġesù ġie biex ifejjaq.
Hija l-konferma tal-imħabba kbira ta’ Alla lejna. Alla ma jibqax indifferenti lejn min hu mġarrab.
U kif ġab ruħu l-agħma?
o Ħalla lil Ġesù jmissu (u jidliklu għajnejh).
o Fada lil Ġesù.
o U għamel kull ma talab minnu Ġesù.
U l-Vanġelu jgħidilna x’kien ir-riżultat: “Mela dak mar inħasel u ĠIE JARA.” U għax kien
hemm il-fidi u l-ubbidjenza fil-għama, il-miraklu sar. L-agħma ried itir bil-ferħ. Ħajtu
inbidlet mill-qiegħ. Min minna kieku ma jħossux hekk!
Hawn għandna l-effett tal-ILMA u d-DAWL, iż-żewġ elementi li jintużaw fil-
MAGĦMUDIJA. Kristu fil-Magħmudija jirrepeti dan il-miraklu:
bl-ilma jaħsilna mill-għama tagħna
bid-dawl imexxina fit-triq tal-ħajja ta’ dejjem.
IT-TIENI PUNT: IL-FEJQAN SPIRITWALI TAL-AGĦMA MFEJJAQ
Fil-fatt mhux miraklu wieħed seħħ iżda tnejn. Dan l-agħma mhux biss infetħulu lgħajnejn
ta’ ġismu imma nfetħulu wkoll l-għajnejn ta’ ruħu.
Interessanti li naraw it-tieni miraklu, għax jagħti tifsira lill-ewwel miraklu (id-dawl talgħajnejn).
L-ewwel miraklu Ġesù għamlu “waqt li kien għaddej u ra lill-agħma”. Din id-darba, Ġesù
MAR IFITTEX lill-agħma mfejjaq. Ġesù għall-kuntrarju ġie jfittxu, sabu u ltaqa’ miegħu.
Għax Ġesù ried jagħtih rigal akbar mad-dawl tal-għajnejn. Issa ried jagħtih id-dawl talfidi.
U għal dan id-dawl tal-fidi, Ġesù ressqu pass pass.
Għall-ewwel, ir-raġel agħma għaraf lil Ġesù bħala PROFETA. Imbagħad għarfu bħala
MIBGĦUT MINN ALLA.
Issa Ġesù jagħmillu mistoqsija li torbot u tħoll: “Temmen int f’BIN IL-BNIEDEM?” Lagħma
jwieġeb b’mistoqsija oħra: “Min hu Mulej, biex nemmen fih?” U Ġesù jistqarr:
“Mhux biss rajtu, imma huwa dak stess li qed ikellmek.” Hekk li l-agħma mfejjaq issa
jgħajjat: “Nemmen, Mulej.”
Dik stqarrija ta’ fidi! Stqarrija ċara u bla tlaqliq. Mhux biss bil-kliem, iżda nxteħet
għarkupptejh quddiemu f’nofs ta’ triq. Att ta’ fidi. Att ta’ adorazzjoni. Issa żgur li dak li
kien agħma kiseb fejqan sħiħ.
Konklużjoni
Ninnotaw: Ġesù rnexxielu jagħmel miraklu ma’ min ried jiftaħ għajnejh. Imma ma wasalx biex għamel miraklu ma’ dawk li ma riedux jiftħu għajnejhom, bħall-Fariżej. Dawn webbsu rashom, kien għomja ħtija tagħhom u ma riedux jiftħu għajnejhom.
Nieħdu l-eżempju. Id-dawl tax-xemx biex jidħol fil-kamra trid tiftaħ il-portelli. Imma x-xemx ma jirnexxiliex tidħol fil-kamra jekk tagħlaq il-portelli tat-tieqa.
Tagħlima għalina
Kristu tana s-sagrament tal-Qrar biex ifejjaq, isaffi u jagħtina d-dawl spiritwali.
Fil-qrar, Kristu jiftħilna l-għajnejn u l-qalb tagħna għad-dawl tal-fidi. Napprofittaw irwieħna mir-Randan imqaddes, u nagħmlu qrar sinċiera, ħa tikber fina l-fidi.
Niftakru: ħija ħasra u tbatija kbira li wieħed jitlef id-dawl t’għajnejh. Imma hija traġedja spiritwali li wieħed jitlef id-dawl tal-fidi.
Sussidju
Min jaf kif tar bil-ferħ meta l-agħma beda jara!
Fatt veru ġara fl-Amerika fil-Gwerra l-Kbira. John Howard Griffin għama minħabba splużjoni ta’ ajruplan. Għal 12-il sena sħaħ ma seta’ jara xejn. Darba minnhom, waqt li kien miexi fit-triq mal-ġenituri tiegħu f’Texas, ħabta u saba l-viżta tiegħu reġgħet ġietu u beda jara.
Tistgħu taħsbu x’ferħ! Il-professur tal-għajnejn fissirlu li l-isplużjoni tal-ajruplan 12-il sena qabel kienet ġabitlu blockage fin-nervatura ta’ għajnejh. Issa l-blockage marret u l-viżta reġgħet ġietu.
John Howard Griffin fl-awtobijografija tiegħu “Black like me”, qal hekk meta reġa’ beda jara: “You don’t know what it is for a father to see his children for the first time.”
(Mark J Link, Sunday Homilies Year A)
____________
Arnold Lunn, kittieb Ingliż, meta kkonverta u ħaddan il-fidi, kiteb ktieb dwar il-grazzja tal-konverżjoni tiegħu. Il-ktieb semmieh “Now I see”. Hu jistqarr li qabel kien nieqes mid-dawl tal-fidi u issa beda jara.
(EDB, Omelie. Temi di Predicazione, n.206-207)