Sunday, April 6, 2014

BULLETTIN KNISJA SAN PAWL - MARSALFORN 6 ta' April 2014

 RIFLESSJONI FUQ L-EVANGELJU:

 “Lażżru, oħroġ”

Kristu ma jiflaħx jara lil Lażżru “jitħassar” fil-qabar. L-istess Kristu ma jiflaħx jara lilna l-bnedmin li aħna l-kapolavuri tiegħu, nitħassru u nintnu fid-dnubiet.

Kristu, li hu qawwi aktar mill-mewt u mid-dnub, jirripeti l-istess kliem lil kull wieħed u waħda minna: “Lażżru, oħroġ!” Flok “Lażżru”, isemmagħli ismi, ismek:
-          oħroġ mill-jasar tal-vizzji
-          oħroġ mill-abbiss ta’ ħażen li fih għodost
-          oħroġ mit-taħwid li dħalt fih
-          oħroġ min-nassa li nqbadt fiha 
-          oħroġ mit-telqa li fiha tinsab
-          oħroġ mill-għażż li fih qed titmiegħek
-          oħroġ mill-egoiżmu tiegħek
-          oħroġ mill-bruda tiegħek
-          oħroġ mid-disperazzjoni li qed tifgak.


Qum, int li rieqed, għall-ħajja ġdida ma’ Kristu rxuxtat permezz ta’ qrara sinċiera.