Sunday, March 9, 2014

BULLETTIN TAL-KNISJA SAN PAWL - MARSALFORN - 9 TA' MARZU 2014

L-Ewwel Ħadd tar-Randan (Sena A)

MA’ KRISTU NISSIELTU U NIRBĦU T-TENTAZZJONIJIET

Ix-Xitan jeżisti. Kristu stess jitlob lill-Missier biex lill-Appostli “iħarishom mill-Ħażin” (Ġw 17,15). San Pawl jitkellem ċar fl-ittra lill-Efesin u jagħmlulhom kuraġġ “biex ifittxu jieqfu għat-tnassis tax-Xitan” (Ef 6,11). L-istess San Pawl, fl-ittra lil Timotju, iwissi: “Dawk li jridu jistagħnu, jaqgħu fit-tiġrib u fix-xibka... u jitfgħu lill-bniedem għall-qerda u t-telfien.” (1 Tim 6,9)

Ġesù fil-Vanġelu tal-lum ippermetta li jiġi mġarrab mix-Xitan biex ikun mudell għalina kif nissieltu u nirbħulu fit-taqbida li kull wieħed u waħda minna għandna mat-tentatur.

Għalhekk naraw żewġ punti:
1.      it-tattika tax-Xitan u t-tweġiba ta’ Ġesù
2.      l-armi tan-Nisrani fit-taqbida mal-Ħażin.


L-EWWEL PUNT: IT-TATTIKA TAX-XITAN U T-TWEĠIBA TA’ KRISTU

Ix-Xitan huwa espert fis-sengħa tiegħu. Jattakka fejn isibek dgħajjef. Jagħmel ta’ birruħu joffrilek xi ħaġa biex imbagħad jaqbdek. Jitfagħlek il-lixka biex, kif ngħidu, jaqbdek fis-sunnara.

Kristu, quddiem in-nasbiet tax-Xitan, dejjem jirrikorri għall-Kelma ta’ Alla. Nagħtu daqqa t’għajn ħafifa lejn it-tliet tentazzjonijet.

1.      L-ewwel tentazjoni: it-tentazzjoni tal-ġid materjali

Ix-Xitan, billi kien jaf li Ġesù kien mifni bi-ġuħ, ġarrbu hekk: “Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż.”

Imma Ġesù jwieġeb billi jikkwota l-Kelma ta’ Alla: “Mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.”

Jiġifieri l-ħobż mhux kollox. Hemm xi ħaġa aqwa mill-ħobż u mill-ġid materjali.

2.      It-tieni tentazzjoni: it-tentazzjoni tal-popolarità

Ix-Xitan jgħid: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal isfel...” (u uri kemm inti kbir, għax s’intendi mhu ser jiġrilek xejn!)

Imma Kristu reġa’ tennielu l-Kelma ta’ Alla miktuba: “Hemm miktub: ‘La ġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek’.”

Għal Ġesù, is-Saltna ta’ Alla ma tiġix bil-popolarità, iżda bl-għotja tiegħu fuq is-salib.

3.      It-tielet tentazzjojni: it-tentazzjoni tal-poter

Ix-Xitan “urieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom, u qallu: Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani.”

Imma Kristu kien pront wieġbu: “Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub, ‘Lill-Mulej Alla tiegħek għandek tadura. Lilu biss taqdi’.”

Kristu rebaħlu lix-Xitan. U minn dakinhar ’l hawn xejn ma jista’ jagħmlilna x-Xitan, jekk nibqgħu magħqudin ma’ Kristu.


IT-TIENI PUNT: L-ARMI TAN-NISRANI FIT-TAQBIDA MAL-ĦAŻIN

X’nitgħallmu mill-Vanġelu tal-lum? Ix-Xitan jeżisti. Imma Kristu aqwa minnu. Għalxejn jonsbilna n-nasbiet tiegħu x-Xitan. Jekk inkunu magħqudin ma’ Kristu u nużaw l-armi li jagħtina f’dan ir-Randan imqaddes, ix-Xitan ma jistax għalina.

Quddiem it-tliet tentazzjoni li jġarrbu lilna:
-          it-tentazzjoni tal-ġid materjali
-          it-tentazzjoni tal-popolarità
-          it-tentazzjoni tal-poter,
Ġesù, f’dan ir-Randan, jagħtina tliet armi biex nitħarrġu fihom.

1.      L-ewwel arma: it-talb

Ġesù talab u jridna nitolbu: “Itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib.”

2.      It-tieni arma: is-sawm

Jiġifieri ċ-ċaħda tagħna nfusna. Kontra l-ġibdiet diżordinati tagħna, f’dan ir-Randan irridu nitħarrġu billi niċċaħħdu mill-ikel u x-xorb żejjed, mill-egoiżmi tagħna, mis-suppervja tagħna, mill-kapriċċi tagħna, mill-frugħat tagħna, mill-użu diżordinat tal-mass media.

3.      It-tielet arma: is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla

Fil-Pastorali tant sabiħa u meħtieġa li ħarġulna l-Isqfijiet tagħna għal dan ir-Randan, huma ħeġġewna biex niltaqgħu ma’ Alla u nisimgħu l-leħen tiegħu fil-qari tal-Bibbja u fil-predikazzjoni, fosthom fl-Eżerċizzi mqaddsa.

L-Isqfijiet qalulna: “Bħal Ġesù, neħtieġu lkoll l-esperjenza tad-deżert fejn niltaqgħu ma’ Alla u niltaqgħu magħna nfusna. U nidħlu fil-verità (biex nirriflettu) dwar min aħna, fejn qegħdin, x’irridu mill-ħajja, x’irid Alla minna u fejn sejrin.”




Konklużjoni

Nirrepetu t-talba li għidna nhar l-Erbgħa tar-Rmied: “Agħtina, Mulej, li bis-sawn imqaddes nibdew it-taħriġ għat-taqbida tagħna bħala dixxipli ta’ Kristu, ħalli nitwettqu bil-qawwa tar-rażan u nissieltu tajjeb kontra l-ispirtu tal-ħażen.

Għalhekk,

1.      Nagħtu widen għall-predikazzjoni tal-Kelma ta’ Alla, “li f’dan iż-żmien – tgħidilna l-Pastorali tal-Isqfijiet – għandna ċċaqlaqna biex ninqalgħu minn fejn inkunu weħilna.”

2.      Nersqu lejn is-Sagramenti mqaddsa – kif tħeġġiġna l-Pastorali tal-Isqfijiet – ħalli nsibu l-forza biex niċċaqilqu u ninbidlu, u hekk ma nikkuntentawx ruħna kif aħna.


(Din l-omelija hija nota bbażata fuq l-omelija tal-Kardinal Christoph Schonborn, mill-ktieb tiegħu “Il mio Gesù”.)